19.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 47/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/274

tal-11 ta' Jannar 2019

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) f'konformità mal-Artikolu 50 TUE, li japplika għall-Euratom bis-saħħa tal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(2)

Fit-22 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju Unit għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, li jieħu kont tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni.

(3)

In-negozjati saru fid-dawl tal-linji gwida tad-29 ta' April u l-15 ta' Diċembru 2017 u tat-23 ta' Marzu 2018 ipprovduti mill-Kunsill Ewropew bl-objettiv ġenerali li jiġi żgurat ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom.

(4)

Fil-25 ta' Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew approva l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim”).

(5)

Ladarba ġew konklużi n-negozjati, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għat-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Artikolu 50 tat-TUE japplika għall-Euratom.

(7)

Il-Ftehim jipprevedi perjodu ta' tranżizzjoni li matulu – minkejja l-konsegwenzi kollha tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni – id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, se jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni u l-Euratom, tinnotifika lill-partijiet l-oħra għal dawn il-ftehimiet li r-Renju Unit għandu jiġi ttrattat bħala Stat Membru għall-finijiet ta' dawk il-ftehimiet matul il-perjodu ta' tranżizzjoni.

(8)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim jipprevedi li, meta tagħmel in-notifika bil-miktub dwar it-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji tagħha, l-Unjoni, fir-rigward ta' kwalunkwe Stat Membru li jkun ressaq raġunijiet relatati ma' prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, tista' tiddikjara li, waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni, minbarra r-raġunijiet għan-noneżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew imsemmija fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (1), l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' eżekuzzjoni ta' dak l-Istat Membru jistgħu jirrifjutaw li jikkonsenjaw iċ-ċittadini tiegħu lir-Renju Unit taħt Mandat ta' Arrest Ewropew. Huwa, għalhekk, xieraq li tiġi stabbilita skadenza li fil-limiti tagħha l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jagħmlu użu minn dik il-possibbiltà għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar dan.

(9)

Kif previst fl-Artikolu 50(4) TUE, ir-Renju Unit ma ħax sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw din id-Deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni huma b'dan awtorizzati li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Artikolu 3

Immedjatament wara l-iffirmar tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet l-oħra għall-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-punt (a)(iv) tal-Artikolu 2 tal-Ftehim, li, soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, ir-Renju Unit għandu jiġi trattat bħala Stat Membru għall-finijiet ta' dawk il-ftehimiet internazzjonali matul il-perjodu ta' tranżizzjoni.

Artikolu 4

Dawk l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jużaw il-possibbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar il-ħsieb tagħhom li jagħmlu dan qabel il-15 ta' Frar 2019.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 006 p. 34).

(2)  ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1.